Seminar organizzat mill-Fondazzjoni GAL Xlokk
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza 2017 u għall-Fondi Ewropej indirizza seminar organiżżat mill-Grupp Azzjoni Lokali Xlokk dwar is-sehem tal-attivitajiet kulturali fl-identita’ u l-iżvilupp tar-Reġjun tax-Xlokk ġewwa s-sala tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq.
Is-Segretarju Parlamentari Borg spjega kif il-Gal Xlokk qiegħed jilħaq numru sabiħ ta’ organiżazzjonijet li jagħmlu parti minn dan ir-reġjun, liema ħidma hemm bżonn li tibi tiġi sostnuta. Huwa saħaq fil-bżonn li niddistingwu t-territorju tax-Xlokk għal valur storiku, kulturali u ambjentali tiegħu. Borg tenna jgħid kemm huwa importanti li r-rizorsi ta’ kulħadd jingħaqdu flimken sabiex permezz tal-għaqdiet volontarji bħal baned, l-għaqdiet tan-nar, tal-armar, l-privat, l-awtoritajiet konċernati u oħrajn joħorġu b’inizjattivi kulturali ġodda li jagħtu ġieh lil dawn l-irħula. Dan huwa dak li jagħmel dawn l-irħula uniċi u distinti minn lokalitajiet oħra f’ Malta.
Waqt l-intervent tiegħu s-Segretarju Parlamentari semma wkoll kif il-prodott turistiku għandu potenzjal fejn jimraħ. Hu spjega l-opportunitajiet li jinħolqu niċeċ ġodda ta’ turizmu waqt li permezz ta’ Fondi Ewropej nkunu nistgħu niġġeneraw aktar l-ekonomija lokali filwaqt li niżviluppaw aktar il-prodott turistiku tagħna.
Borg ta ħarsa wkoll lejn dak li wettqet l-GAL Xlokk u dak li hemm ppjanat. Fil-fatt huma 10 il-kunsilli lokali li diġa bbenifikaw minn fondi ewropej permezz tal-fondazzjoni GAL Xlokk sabiex ikunu jistgħu jiġu organizzati attivitajiet kulturali u edukattivi fil-lokalitajiet tagħhom b’għajnuna diretta lill-għaqdiet. Il-programm ta’ Fondi Ewropej 2014-2020, li għadu kif gie approvat mil-Kummissjoni Ewropeja, ser ikun qed ikompli jgħin lil għaqdiet kulturali u storiċi minn dan l-aspett ukoll. Dr Borg appella lil dawk preżenti sabiex jesploraw kif jistgħu joħorġu b’ideat ġodda – ideat li jippermettulna nkomplu nkattru l-Kultura f’dan ir-reġjun ukoll u rrefera għall-ewwel Pre-Announcement taħt l-Assi ta’ Prijorita 5 li kien hemm ftit ta’ jiem ilu u ħeġġiġhom ikunu preparati għas-sejħiet li ser ikun hemm fil-futur qarib. Dan sabiex kull applikant jilħaq jipprepara l-karti kollha u ma jkunx hemm telf ta’ ħin meta toħroġ s-sejħa.
Borg ikkonkluda billi qal li l-gvern ser ikun fuq quddiem nett biex iħares l-interessi tal-Għaqdiet u fejn jista’ joffri wkoll opportunitajiet ġodda – u l-programm ta’ Fondi 2014-20 ser ikun qed jgħinna nilħqu l-għanijiet tagħna waqt li nkomplu ngħinu lid-diversi organiżazzjonijiet jkomplu ikattru x-xogħol tant tajjeb li diġa qegħdin jagħmlu.
Dr. Nadia Theuma esperta fl-istudji turistiċi fl-Universita’ Ta’ Malta tkellmet dwar il-bżonn li nħarsu lejn il-kultura u storja bħala xi ħaġa ħajja mhux statika. Hija ħeġġet sabiex l-għaqdiet lokali jagħmlu dak li jistgħu sabiex jaħdmu mas-settur turistiku sabiex il-wirt storiku jiġi nterpretat bis-sinifikat li għandu għalina. Hija enfasizzat il-bżonn li l-istabbilimenti lokali għandhom jaħdmu bil-produtturi lokali u jagħmlu riċetti antiki li jistgħu jkunu marbuta jew popolari fil-lokal.
L-istoriku Chev. Mario Coleiro għamel preżentazzjoni vasta dwar il-wirt storiku fit-territorju tax-Xlokk fejn jagħti dettalji dwar dak li hu uniku f’ kull raħal u lokalita’ fix-Xlokk. Huwa aċċenna għall-importanza li l-attivitajiet kulturali jibdew ukoll isiru f’ żoni rurali ta’ irħula bħal dawn. “Jeżistu teżori storiċi li jeħtieġ nindukrawhom u nagħtuhom aktar promozzjoni permezz ta’ attivitajiet kulturali li jservu ta’ vetrina edukattiva għal dan il-wirt” sostna Coleiro.
Tkellem ukoll il-President tar-Reġjun tan-Nofsinhar is-Sur Jesmond Aquilina dwar fost l-oħrajn is-suċċess li kiseb Ħal Qormi fis-settur kulturali għaliex il-Kunsill Lokali kien għaraf jgħin lill-għaqdiet u l-voluntiera lokali sabiex huma joħorġu b’ ideat ġodda u jorganizzaw dawn l-attivitajiet. Aquilina sostna li l-Kunsilli Lokali m’ ghandomx jikkompetu ma’ dawn l-għaqdiet iżda jkunu warajhom fl-inizjattivi tagħhom.
L-Avukat Noel Camilleri tkellem f’ isem l-Għaqda Każini tal-Banda fejn enfasizza l-bżonn li l-għaqdiet voluntiera jiġu mgħejuna anka mill-Awtorita’ għat-Turiżmu sabiex dawn ikomplu jħarsu l-identita’ tat-territorju permezz tal-ħidma voluntiera tagħhom. Huwa saħaq li hemm bżonn li nimxu lejn attivitajiet edukattivi bil-parteċipazzjoni attiva tan-nies. Camilleri spjega kif dan jista’ jsir b’ riċerka lokali mingħajr ma’ wieħed iħalli l-element parrokkjali jtellef eżerċizzju bħal dan.
Is-Sur Edward Żammit espert dwar l-attivitajiet f’ isem l-Awtorita’ għat-Turiżmu appella sabiex nipproteġu dak li huwa uniku fil-lokalitajiet tagħna u ħeġġeġ sabiex l-għaqdiet joħorġu b’ attivitajiet ġodda li jesploraw il-valur taż-żoni rurali sabiex tinħoloq niċċa ġdida ta’ turiżmu estern u intern. Żammit spjega kif l-Awtorita’ għat-Turiżmu reġgħet kompliet tippubblika kalendarju ta’ attivitajiet kulturali fuq livell nazzjonali sabiex pajjiżna jkun aktar attraenti bħala destinazzjoni turistika.
Waqt dan is-seminar li kien moderat mis-Sur Andrew Azzopardi, l-Fondazzjoni GAL Xlokk għamlet preżentazzjoni dwar l-attivitajiet kulturali ġodda li ġew organizzati fl-aħħar xhur ma’ diversi Kunsilli Lokali fil-lokalitajiet tax-Xlokk. Is-Sur Keith Abela, l-organizzatur ta’ dawn l-attivitajiet tkellem dwar il-formola li tħaddmet b’ suċċess mill-Fondazzjoni GAL Xlokk sabiex l-għaqdiet ta’ kull lokalita’ jirċievu għajnuna professjonali fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali u edukattivi li jkunu ta’ kwalita’ u b’ valur edukattiv. Abela saħaq li l-għaqdiet waħidhom ma jkollhomx biżżejjed riżorsi sabiex jiżviluppaw, jorganizzaw u jirreklamaw l-inizjattiva tagħhom b’ ideat ġodda, għalhekk tajjeb li din it-tip ta’ għajnuna tibqa’ ċentralizzata u tkun offruta lill-għaqdiet bħal dawn b’ ħidma li tinkludi wkoll il-Kunsilli Lokali. Dan jassigura li l-attivitajiet imtella’ permezz ta’ Fondi Ewropej ikunu ta’ livell għoli u jkunu ta’ valur miżjud għall-ekonomija lokali billi jinkludu t-talent u l-ħidma tal-għaqdiet kollha fil-lokal.
Dan is-seminar ġie organizzat mill-Fondazzjoni GAL Xlokk permezz ta’ Fondi Ewropej u l-programm LEADER .